Rapport dwar il-Forum mtellgħa mill-Partit Laburista.

Tema: “Sena Skolastika Gdida Problemi Qodma; Sfidi Ġodda”


Dan il-forum sar fil-Lukanda Excelsior il-Belt nhar Is-Sibt 27 ta’ Settembru, sewwa sew lejlet il-bidu tal-Universita’, kemm għal dawk li ser jibdew kors ġdid, u dawk li ser ikomplu fl-istudju tagħhom. Il-Forum kien indirizzat minn Evarist Bartolo (il-kelliem ewlieni Laburista għall-edukazzjoni u l-midja) kif ukoll minn Joseph Muscat (Mexxej Laburista u Kap ta’ l-Oppożizzjoni).


Evarist  Bartolo qal li l-pajjiż irid itejjeb kull livell bi strateġija nazzjonali minħabba li s-suċċess fil-ħajja jiddependi mill-edukazzjoni li fid-dinja tal-lum, il-ħiliet huma mondjali u “rridu ntejjbu f’kull livell miż-żgħar/kbar tul il-ħajja kollha”. Jospeh Muscat qal li l-kwalita’ u l-ugwaljanza huma l-valuri kbar li jmexxu lill-Partit Labirista fl-edukazzjoni. Hu stqarr ukoll li l-kwalita’ mingħajr ugwaljanza ġġib inġustizzja għax tħalli jaqgħu lura ħafna tfal u żgħażagħ.


F’dan il-forum intwera’ filmat ta’ tfal Maltin; fejn ġew mistoqsija xi mistoqsijiet bħal x’jogħġobhom u x’jixtiequ jbiddlu mill-iskola fejn jattendu. Bqajt skantat għall-maturita li filfatt kellhom dawn l-istudenti li ġew magħżula għal dan il-filmat. Madanakollu ninsab iddispjaċut għaliex tfal u studenti Għawdxin qatt ma jingħataw iċ-ċans jgħidu tagħhom bħal f’filmat bħal dan.


Iddominaw ħafna f’dan il-forum l-interventi ta’ l-akkademiċi, edukaturi, studenti, żgħażagħ, ġenituri, u anke’ professjonisti fosthom il-Professur Kenneth Wain li tkellem dwar il-ħtieġa ta’ tibdil fl-istrutturi edukattivi. Ħadu sehem ukoll numru ta’ għalliema, ġenituri, studenti kif ukoll Anthony Briffa u David Degiorgio min-naħa tal-GUG.


Interventi mill-GUG waqt il-forum:

  1. Wara intervent ta’ Sandro Craus, li hemm bżonn inkunu prattiċi biex l-edukazzjoni tingħata spinta’ ‘l quddiem, il-GUG wieġeb li aħna bħala studenti, għaxar snin ilu kellna l-istess problemi li semmew it-tfal fil-filmat.
  2. Isemma l-kunċett ta’ ‘Streaming’; B’risposta għal din il-problema, il-GUG enfasizza l-fatt li qed isir “Streaming” bejn l-istudent Malti u dak Għawdxi. Dan minħabba li student Għawdxi għandu inqas faċilitajiet kemm sportivi kif ukoll edukattivi. Hawn jistgħu jidħlu wkoll l-problemi li jġarrbu l-Għawdxin, meta jiġu biex jitilqu lil familthom biex imorru jistudjaw Malta.
  3. Il-GUG għamlet referenza għall-Editorjal tal-Gazzetta ta’ “L-Orizzont” fejn kritikat it-titlu li jgħid li l-Għawdxin huma “Privieġġjati”. Barra minn hekk l-editorjal jgħid li l-Għawdxin għandhom it-trasport imħallas mill-Gvern. Dan mhux vera għax l-Istudent iħallas l-ispejjeż hu!
  4. Il-Professur Wain qal li għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ l-istudenti. Il-GUG sostna; “Fejn huma d-drittijiet mwiegħda lill-Għawdxin?”
  5. Fil-filmat, l-istudenti ilmentaw li jkollhom iqumu kmieni minħabba “il-private”. Mela kemm iktar għandhom għax jilmentaw l-Għawdxin li jridu jqumu mill-5.00am biex jaqbdu l-vapur u jkunu l-universita fil-ħin minbarra l-iskariġġ tal-bagalji?
  6. Il-GUG ilmenta wkoll dwar is-servizz tat-trasport li ma hu xejn effiċċjenti minħabba li tal-linja dejjem jaslu tard u jispiċċaw jitilfu l-vapuri, u li l-iskema tal-linja mhux imqassma sew biex taqdi l-ħtiġijiet ta’ l-1000 Għawdxi li jattendi l-Universita’.
  7. Fl-aħħar u mhux l-inqas, il-GUG qal li “Għawdex mhux hemm għall-elezzjoni biss. Għawdex għandu bżonn min jisimgħu biex itejjeb il-potenzjal tiegħu. Id-drittijiet huma drittijiet u mhux pjaċiri”.

Anthony Briffa
GUG

 

Updated by Euchar Sultana | October 8 th, 2008

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


 

 

 

 

 

 

Created By: Euchar Sultana | © All Rights Reserved.