Rapport dwar il-laqgħa tal-GUG mal-Ministru għal Għawdex.
Tema: Eko-Għawdex – Viżjoni 2015
Din il-laqgħa saret ġewwa l-‘boardroom’ tal-Ministeru r-Rabat nhar l-Erbgħa 24 ta’ Settembru fl-10.30 ta’ filgħodu. Għal din il-laqa attendew rappreżentanti tal-Ministeru għal-Għawdex, L-Onor. Ministru Giovanna Debono; kif ukoll rappreżentanti tal-Mcast, Gozo College. Ma dawn kien hemm ukoll il-GUG.
Din il-laqgħa kienet tittratta l-viżjoni ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika. Għalhekk, ġiet ippreżentata ‘powerpoint presentation’ fejn fiha ġie spjegat x’sar mill-gvern, u x’se jsir iktar il-quddiem biex iseħħ dan il-pjan għal Għawdex. Il-laqgħa nqasmet fi tlett taqsimiet – definizzjoni tas-suġġett; x’jikkorċerna s-suġġett u x’ħa jkun ir-riżultat ta’ Eko-Għawdex; u wara kien hemm lok għal diskussjoni.
Eko-Għawdex hija idea mill-gvern biex jiżviluppa lil Għawdex f’seba oqsma partikolari, ewlenin fosthom l-ambjent, it-turiżmu u l-agrikultura. B’hekk dan il-pjan huwa garanzija ta’ żvilupp sostenibbli minħabba li se jkabbar il-potenzjal ta’ Għawdex. Biex jitwettaq dan il-proġett, skond l-Onor. Ministru għal-Għawdex, Giovanna Debono, hemm bżonn li jiġu implimentati diversi liġijiet ġodda.
Dan il-proġett se jsir fuq skala Nazzjonali u kullħadd għandu jinvolvi ruħu biex jkun ta’ suċċess. L-għan ewlieni ta’ Eko-Għawdex hu li, titkabbar l-ekonomija; jogħla l-kuntest soċjali u jkollna gżira b’ambjent aħjar. Jekk jittejbu dawn it-tlett pilastri li Għawdex hu mibni fuqhom, jiżdiedu l-impjiegi u s-sosteniment tal-gżira.
Diġa bdew isiru attribuzzjonijiet mill-Gvern biex dan il-proġett ta’ 7 miljun ewro jitwettaq. Fost dawn insibu l-bini ta’ l-impjant tad-drenaġġ; l-għeluq ta’ l-inċeneratur fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex; introduzzjoni tas-separazzjoni ta’ l-iskart; preservazzjoni ta’ l-Istorja t’Għawdex u titjib fit-toroq.
Għal iktar informazzjoni dwar Eko-Għawdex, wieħed għandu jżur is-sit elettroniku www.eko-gozo.gov.mt u jħalli s-suġġerimenti tiegħu għall-viżjoni ta’ Għawdex bħala gzira ekoloġika fuq l-indirizz info.eco-gozo@gov.mt.
Anthony Briffa
GUG
Updated by Euchar Sultana | October 8 th, 2008


